Ktejjeb għall-Quddies tal-Ħadd bil-Malti u l-Latin
Minn mindu l-q.t. Papa Benedittu XVI ħareġ l-ittra Appostolika Summorum Pontificum, hawn numru qed jiżdied ta' Kattoliċi madwar id-dinja li qed jattendu l-quddiesa fil-forma straordinarja, jiġifieri, il-quddiesa Tridentina bil-Latin, inkluż f'Malta (partikolarment, fil-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt). Però, sa fejn naf jien, ma jeżistix ktejjeb bil-quddiesa ttraduta mill-Latin għall-Malti biex il-Maltin li jattendu l-quddiesa jkunu jistgħu jsegwu x'qed jiġri bil-Malti, u għalhekk iddeċidejt nikkompila wieħed jien.
Il-ktejjeb għadu mhux lest. Il-pjan hu li ninkludi:- Introduzzjoni qasira tal-quddiesa,
- Spjegazzjoni ta' xi differenzi partikolari bejn il-quddiesa Tridentina u l-quddiesa l-ġdida (i.e., novus ordo),
- L-Asperges/Vidi Aquam,
- L-Ordni tal-quddiesa, kemm kantata u kemm mitkellema,
- It-talb Leoninu ta' wara l-quddies,
- Il-Kyriale (bil-Latin/Malti).
Il-ktejjeb se jinkludi wkoll bosta illustrazzjonijiet li juru x'qed jiġri fil-quddiesa, biex dak li jkun isibha iktar faċli biex isegwi. Jekk il-ktejjeb jibda' jintuża minn bosta lajċi, jaf anke eventwalment nespandih biex jinkludi l-propji tal-Ħdud u l-festi.